• Break the Taboo Malta

Storja 8 – 04.11.2018 ~ bil-Malti




“Kelli 28, kont ngħix f’belt barranija u kelli x-xogħol li dejjem xtaqt. Kont ili mal-boyfriend għal ftit aktar minn sena meta ndunajt li kont tqila. Meta għidtlu, qalli li huwa ma kienx lest li jkollu tarbija u jekk inżommha kien jisparixxi kompletament minn ħajti. Meta smajt dan, kont qalbi miksura iżda l-ħsieb li jkolli nħalli l-post fejn kont ngħix, ix-xogħol, il-ħbieb u l-ħajja li kont ħloqt f’dik il-belt biex immur lura Malta u nrabbi tarbija waħdi wassalni biex inkun qalbi miksura għaxar darbiet aktar.

Meta l-boyfriend qalli hekk, ħassejtni verament waħdi u m’għidt lil ħadd li kont tqila. Mort il-klinik waħdi.

Ridt li nagħmel kollox waħdi, l-ewwel nett għax kont imwerwra li xi ħadd isir jaf u t-tieni nett għax ħassejt li jekk jirnexxili nagħmel dan waħdi, inkun kapaċi nagħmel kollox.

Ikkunsidrajt jekk għandix ngħid lill-ġenituri iżda bżajt. Xtaqt ħafna imma bżajt ħafna minn dak li jistgħu jgħiduli. Ħsibt li jaħsbu li kont xi slut għax ħriġt tqila u li ma kinux jifilħu għaliha. Minn dejjem kienu favur l-għażla (pro-choice) iżda “x’għandek tagħmel jekk qed tippjana li tagħmel abort” mhux suġġet li titkellem dwaru waqt l-ikel, hux hekk? Allura, għalkemm ħassejt bżonn kbir li ommi u missieri jkunu maġenbi, għażilt li nemmen li qatt ma kienu se jifhmuni u għażilt li nagħmel l-abort waħdi.

L-istaff tal-klinik kienu mill-aħjar. Meta wasalt, tlabt li nkun f’post privat biex nispjega s-sitwazzjoni lill-istaff mediku. Hekk kif għidtilhom li kont Maltija, bdew jippjanaw il-proċess tal-abort b’tali mod li li l-privatezza tiegħi tkun imħarsa aktar minn dik ta’ pazjenti regolari.

L-ewwel qaluli b’fond speċifiku li kellhom għan-nisa minn San Paolo. Offrew li l-abort tiegħi jitħallas minn dan il-fond. M’aċċettajtx għax stajt naffordjah, madankollu aċċettaw li nħallas cash biex ma jkunx hemm rekord ta’ flus trasferiti lejhom mill-kont bankarju tiegħi. Ħallewni wkoll nuża l-bieb ta’ wara għal viżti oħrajn biex ħadd ma jarani dieħla mill-bieb ta’ quddiem.

Li ferraħli qalbi kien il-fatt li, billi għażilt li nagħmel il-proċedura waħdi, il-ginekologu li ratni l-ewwel darba irranġat ix-shifts tagħha dik il-ġimgħa sabiex tkun hemm għat-tieni u t-tielet viżta. Ma tantx kien hemm ħinijiet li bkejt tul il-proċedura, iżda ma stajtx ma nibkix meta rajt il-qalb tajba ta’ din it-tabiba.. Kienet l-ewwel u l-unika darba tul il-proċedura li ma ħassejtnix waħdi.

Qatt ma ħassejt uġiegħ f’ħajti daqs kemm ħassejt tul il-proċedura. Niftakar li fl-ewwel konsulta il-ginekologu rrikmanda li nistenna xi ġimgħa jew ġimgħatejn oħra u nagħmel abort kirurġiku. Billi l-iskola kont rajt 'The Silent Scream' irrifjutajt mill-ewwel. Għidt li ma kontx lesta li nħalli lil xi ħadd idaħħal spalliera fija u jqattali l-utru. Illum nirrealizza kemm kelli perċezzjoni żbaljata.

Minflok, għamilt l-abort medikali u għamilt aktar minn 7 siegħat waħdi fl-art, fil-kamra tal-banju, b’uġiegħ li ma jitwemminx, niltob l-Alla li joħodni dak il-ħin stess. L-aktar ħaġa li xxennaqt għaliha tul dak iż-żmien kienet tgħannieqa minn ommi u xi ftit kliem ta’ kuraġġ. Imma qatt ma waslu.

Madwar 4 ġimgħat wara l-abort, għażilt li ngħid lill-ġenituri. Ġimgħa wara missieri ġie jarani. Meta wasal, telaq il-bagalji, tagħni l-akbar tgħannieqa li qatt tagħni, ħares dritt lejja u stqarr l-akbar sigriet li kellhom.

12-il sena qabel ma twelidt jien, ommi ħarġet tqila. Bilkemm kella 20 sena u hi u missieri marru l-Ingilterra biex jagħmlu l-proċedura. Kellha abort kirurġiku. Sar taħt il-loppju u ma ħasset xejn. Ħassitha tajba. U f’dak il-mument irrealizzajt li kienet tifhimni u ndunajt li l-unika persuna li xtaqt tkun miegħi kienet l-istess persuna li kelli bżonn li tkun miegħi. Iżda l-biża’ mit-tabù ma ħallinix nitlobha tkun miegħi.

Jien emmint li l-ġenituri qatt ma setgħu jifhmu l-għażla li għamilt għax tul ħajti kont imdawra b’soċjetà li tirrifjuta li tifhem kwalunkwe għażla. Ma kontx naf li l-ġenituri kienu fehmu aktar milli ħsibt.

Jien inħobb il-gżira sabiħa li hija dari. Iżda qatt ma nista’ naħfrilha talli ħolqot soċjetà li kkundizzjonatni b’tali mod li bżajt mill-ġenituri tiegħi stess fl-aktar mument ikrah ta’ ħajti. Qatt ma nista’ naħfrilha talli żergħat fija biżà tant kbira li serqitli l-opportunità li l-ġenituri ikunu miegħi meta kelli bżonnhom.”

3 views
  • Facebook
  • Twitter

Break the Taboo Malta is an initiative to end abortion stigma in Malta by sharing real abortion stories and experiences.