top of page

Storja 51 - 30.05.2021

  • Writer: Break the Taboo Malta
    Break the Taboo Malta
  • May 30, 2021
  • 2 min read

Din hija t-tieni storja li rċivejna bil-Malti.





“Kien bħal daż-żmien 3 snin ilu, meta ta’ 39 sena indunajt li nbadt tqila. Kont ilni mal-partner tiegħi 8 snin – kellna, u għad għandna, relazzjoni perfetta. It-tifel tiegħi kellu 16-il sena u t-tfal tal-partner akbar. Wara li ddedikajt nofs ħajti għal ibni, issa beda jsir indipendenti u bdejt nieħu ftit ħajti lura. Kont fi stat f'ħajti vera kuntenta u bdejt nerġa’ ngħix ftit... sa dik il-ġurnata meta ndunajt li ħriġt tqila.


Sinċerament li sa llum ma nafx kif u x'fatta, għax noqgħodu attenti mija fil-mija. Ħajti nqalbet ta’ taħt fuq! Ridt immut b'saħħa... ma stajtx nimmaġinani nerġa’ nibda nrabbi. Il-partner issapportjani mill-ewwel sekonda u prova jgħidli li kollox se jkun ok, imma jien dlam biss bdejt nara... kull mument li nkun waħdi l-ħin kollu nibki.


Kont kontra l-abort mija fil-mija, sakemm għaddieli ħsieb żgħir minn moħħi. Imma le... dak żgur ma nistax nagħmlu jien! Jien? Dejjem nikteb kontra l-abort u kważi niġġieled man-nies minħabba l-abort jekk ma jaqblux miegħi!


Imma ma kull ġurnata li tgħaddi, id-disprament flok jonqos jikber beda, u d-dipressjoni ħakmitli ħajti. Jien żgur ma kontx se nerġa’ nrabbi, u bil-moħbi bdejt infittex kif u fejn stajt nagħmel abort. Kont persuna differenti, ma ridtx nemmen li wara dak li kont nikteb gejt f'dik is-sitwazzjoni jien. Kellimt lill-partner u qalli li niddeċiedi jien, hu se jissaportjani.


Iċ-ċirasa fuq il-cake kienet kif mort għal scan biex nikkonferma li vera pregnant u mhux xi ħaġa oħra, u t-tabiba qaltli li kelli nkwiet akbar milli ħsibt. Iva, veru kont pregnant, imma apparti minn hekk kelli tumur li kien qed jikber b'rata allarmanti u kien se jkolli problemi kbar! Ma setax jitneħħa qabel inwelled. U d-deċiżjoni tiegħi ħadtha dak il-mument.


Mort Londra, u ta’ 6 ġimgħat tqala tawni żewġ pinnoli – waħda orali u waħda vaġinali, u korrejt. Ġietna ħafna u ħafna flus u skariġġ, sintendi.


Ħlief il-partner tiegħi u l-ginekoloġista li nkoraġġietni, qas proxxmu wieħed ma jaf. Bżajt ħafna li se jiddispjaċini, għax jien bniedma wisq sensittiva u nbati b’guilty conscience, imma minn dan ma ġara xejn. Lanqas darba ma ddispjaċini, u mhux talli hekk, talli meta nisma’ l-istorbju tat-tfal dejjem ngħid li mnalla għamilt li għamilt, għax m'għadnix paċenzjuza kif kont u żgur ma kontx se nkun omm tajba.


Jiddispjaċini ħafna jekk bi kliemi xi darba weġġajt lil min għadda milli għaddejt jien u ma setax juri... sintendi, issa li ġarrabt naħsibha ħafna differenti.”

 
 
 

Comments


Break the Taboo Malta is an initiative to address abortion stigma in Malta by sharing personal abortion stories and related experiences.

  • facebook
  • Twitter
bottom of page