top of page
Writer's pictureBreak the Taboo Malta

Storja 49 - 28.02.2021 ~ bil-Malti

Din hija s-7 storja ta' abort waqt il-pandemija tal-COVID-19.




“Il-period tiegħi minn dejjem kien jasal tard. Kelli kemm kelli età, ikun jew ma nkunx attiva sesswalment, inkun qed nieħu bużż jew inkwetata dwar dak li jkun qed jiġri f’ħajti, dejjem jiġi jżurni meta jfettilu. Madankollu, darba dan il-ħabib iddeċieda li ma jurix wiċċu u, għalkemm qatt ma kien xi ħabib partikolari, bdejt ninkwieta xi ftit.

Xtrajt test. Normalment, meta nkun qed nibża’ li ħriġt tqila, dejjem nixtri t-test diġitali iżda tant kont ċerta li ma kien hemm xejn fuq xiex ninkwieta li xtrajt test normali. Kif wasalt id-dar għamilt il-proċedura u, hekk kif ħarist, rajt is-sinjal tal-plus. L-ewwel reazzjoni kienet li ninfaqa’ nidħaq, vizzju misħut u mekkaniżmu ta’ difiża kważi f’kull tip ta’ xenarju. Bdejt ngħid bejni u bejn ruħi, “Ma jistax ikun, ma jagħmilx sens.”


Biex tkunu tafuni aħjar – jien dik il-persuna fil-grupp li dejjem tħambaq li ma tridx tfal u dejjem lesta li tispjega għaliex mhix xi ħaġa li tgħodd għaliha. Mhux qed ngħid li hija xi ħaġa ħażina jew għal-liema raġuni n-nies ikollhom it-tfal. Għandi neputi li nħobbu b’imħabba tal-ġenn u nemmen li n-nisa li jkollhom it-tfal għandhom kuraġġ kbir.


F’ħakka t’għajn ikkonkludejt li dan it-test kien 100% żbaljat. Mort nixtri test ieħor. Din id-darba użajt test tat-tqala diġitali u r-riżultat, għal darb’oħra, kien pożittiv.


Li ngħid lill-familja ma kienx possibbli. Jien trabbejt f’familja Nisranija fejn l-idea tal-edukazzjoni sesswali kienet tikkonsisti f’li jwerwruni jekk anki biss nħseb dwar is-sess. M’hemmx għalfejn ngħidilkom x’kienu jaħsbu dwar is-sess/tfal barra miż-żwieġ. Barra minn hekk, jien għadni ngħix mal-ġenituri u ma kien hemm l-ebda possibbiltà li nrabbi tarbija fl-istess dar.


Iżda minn barra l-fatturi esterni, il-fatturi interni kienu l-aktar importanti. X’se jkun l-effett ta’ dan kollu fuqi? Kif diġà għidt, jien ma rridx tfal u, allura, biex inżommha kont, fil-fatt, inkun qed nisforza lili nnifsi. Naħseb li ma jsirx enfasi biżżejjed fuq id-dannu emozzjonali u mentali li jsofru n-nisa minħabba l-idea li “irrid BILFORS inkompli din it-tqala.” Mela l-fatt li lanqas biss kont fi stat mentali li nsir omm kien diġà problem. Għalija, it-tfal m’humiex oġġett jew ġugarell li tqum darba filgħodu u tgħid, “Kos, irrid wieħed jew waħda, ta!” jew “Uff, ma ridtux jiġri dan imma jkolli noqgħod għax m’hemm għażla oħra.”


Wara bdejt ninkwieta dwar x’se nagħmel. Bdejt naħseb kif se nibbukkja l-flights u kif se nispjega lill-ġenituri li kelli bżonn insiefer f’nofs pandemija.

Tkellimt ma’ ħabiba dwar dak li kien ġara u hija ssuġġeriet il-pillola tal-abort. Kont naf biha imma b’dak kollu li kien ġara, kont insejt. Bdejna nfittxu organizzazzjonijiet li jidhru serji u sibna tnejn. Ordnajt mingħand it-tnejn, f’każ li waħda tasal aktar malajr mill-oħra. Kieku m’għamiltx hekk, ma kontx inlaħħaq nagħmel il-proċedura għax wieħed mill-pakketti wasal fit-12-il ġimgħa. Minħabba l-Covid-19, kollox beda jdum aktar biex jasal u diġà kelli sitt ġimgħat tqala. Biex tagħmel il-proċedura għandek biss sat-12-il ġimgħa, wara tkun trid tirrikorri għal proċedura kirurġika li hija siġura biss jekk issir barra minn Malta.


Iż-żmien li domt nistenna kien iebes ħafna, biex ma ngħidx agħar. Għamilt tliet ġimgħat bilkemm stajt norqod u ma stajt naħseb f’xejn għajr il-biża’ li f’xi ħin ninqabad u mmur il-ħabs. “X’nagħmel jekk l-ebda pillola ma tasal fil-ħin? X’jiġri jekk meta nkun qed nagħmel l-abort xi ħaġa tmur żmerċ u nittieħed l-isptar u ninqabad?” Ma nistax infisser l-eżawriment emozzjonali u mentali li ħassejt tul dawk it-tliet ġimgħat.

Meta tkun tgħix f’familja u f’soċjetà li tibbumbardjak kontinwament minn tfulitek bl-idea li l-abort huwa xi ħaġa ħażina, li huwa dnub, li tkun qattiela anki jekk biss taħseb li tagħmlu, anki jekk tirrealizza internament li kollha ħmerijiet xorta waħda jħalli marka fuqek. Ftit jew wisq, il-vuċijiet li bbumbardjawni għal tant żmien bqajt nismagħhom u affettwawni. Innutajt li tul dawk it-3 ġimgħat ħassejt li qisu kelli żewġ persuni f’moħħi. Kien hemm il-vuċi li bdiet tgħidli li jmissni nistħi minn dak li kont se nagħmel, u ġegħlitni nħossni ddiżgustata u kważi nobgħod lili nnifsi għax mhux “normali” bħal nisa oħrajn li jridu jsiru omm. Il-vuċi l-oħra, li kienet il-vera vuċi razzjonali tiegħi, qaltli “Li se tagħmel huwa għalik u huwa sew għax int biss taf x’inhu l-aħjar għalik u ħadd iżjed.”


L-effett li l-ideat żbaljati dwar l-abort jista’ jkollhom, anki fuq moħħ li jaf perfettament li mhix dak li jaħsbuha ħafna nies, hija xi ħaġa tal-biża'. F’mumenti bħal dawn tirrealizza kemm ngħixu f’soċjeta mentalment abbużiva.


Waslet il-ġurnata u, biex inkun onesta, ma kontx lesta għaliha, għas-sempliċi raġuni li ma kontx f’sikti mentalment u fiżikament u kont inkwetata li ma kinitx se taħdem, jew li xi ħaġa tmur żmerċ u nispiċċa li jkolli nidħol l-isptar jew saħansitra li l-pulizija kienu qed jimmonitorjawni u lesti li jitfgħu l-bieb ġewwa minn mument għall-ieħor. U għal xiex? Għal att li huwa dritt fundamentali tiegħi.


Kif kienu qalu l-istruzzjonijiet, l-uġiegħ kien l-aktar qawwi fl-ewwel 4 siegħat. L-uġiegħ li ħassejt fl-ewwel siegħa ma nixtiequ fuq ħadd. Ma kinitx esperjenza sabiħa iżda fortunatamant ma kontx waħdi għax kelli l-partner miegħi.

L-abort irnexxa, xi ħaġa li kkonfermajt permezz tal-ultrasound. Fortunatamant, tul dan kollu, kont imdawra b'nies li kienu lesti jgħinuni u ta’ dan jien verament grata għax mhux kulħadd isib l-istess xorti.


Kif diġà spjegajt u għidt, l-agħar parti kienet iż-żmien li domt nistenna. Ma kienx ikun aktar faċli kieku, hekk kif sirt naf li kont tqila, stajt naqsam it-triq sal-ispiżerija u nixtri l-pilloli tal-abort? Minflok ma ndum nistenna l-ġimgħat sħaħ biex jaslu u dejjem inżid il-livell ta’ ansjetà u biża’ li ninqabad? U għal ġimgħat sħaħ nobgħod lili nnifsi minħabba kunċetti bla bażi maħluqin mis-soċjetà li ngħix fiha?

Kemm se jdum il-gvern biex ineħħi l-projbizzjoni u jagħraf li l-abort, fil-fatt, huwa kura tas-saħħa? Kemm aktar nisa jridu jissaportu tqala mhux mixtieqa a skapitu tas-saħħa mentali tagħhom? Kemm aktar nisa jrid ikollhom jaħsbu li l-unika għażla għalihom hija l-użu ta’ spalliera tal-wire jew li jpoġġu ruħhom f’ċirkostanzi agħar biex jeħilsu minn tqala mhux mixtieqa?

Bħal ma jgħid wieħed mill-filosofi favoriti tiegħi, bħala esseri umani m’aħniex oġġetti bi blueprint, ħajjitna mhix definita mill-essenza tagħna iżda mill-eżistenza tagħna. Fil-fatt, il-kunċett li l-eżistenza tippreċedi l-essenza, f’termini sempliċi, tfisser li aħna nagħżlu min inkunu, li nagħżlu x’irridu nkunu u li nagħżlu x’irridu nagħmlu b’ħajjitna.


In-nisa m’humiex oġġett, bħal lampa li l-uniku skop essenzjali hu li tagħti d-dawl. U bl-istess raġunament – għax iva, jien nidentifika lili nnifsi bħala mara imma mhux definita mill-bioloġija – ir-riproduzzjoni mhux l-uniku skop ta’ ħajti. Jien ferm aktar minn sempliċi inkubatur tas-soċjetà.


Il-parir tiegħi lill-gvernijiet u l-organizzazzjonjiet li jċaħħdu lin-nisa mid-drittijiet riproduttivi (għax l-abort huwa dritt riproduttiv u tas-saħħa): Jien ma ġejtx f’din id-dinja bi blueprint, bi skop wieħed biss – tkomplux tippruvaw tbellgħuhielna li huwa hekk. Tkomplux tiddettaw, permezz tad-diskors ta’ mibegħda, x’nista’ u x’ma nistax nagħmel b’ġismi. In-nisa m’għandhomx ikunu fi stat li jibżgħu jagħmlu l-għażliet tagħhom.”

273 views

Recent Posts

See All

Comments


bottom of page