“Fl-2006 iżżewwiġt u sena wara konna ħerqana li nrabbu familja. Ħriġt tqila mill-ewwel u ħabbarnieha lill-familja u l-ħbieb kollha. Kont attenta ħafna x’niekol, kont nagħmel l-eżerċizzji pelviċi kollha u bdejt noħroġ nimxi kuljum. Kemm konna eċitati! Dak iż-żmien kont qed naqra storja dwar spija Russa jisimha Anya u tant għoġobni l-karattru sod li kellha li ddeċidejt li nsemmi t-tifla għaliha.
Il-ferħ intemm ħesrem meta, ta’ 6 xhur tqala, morna għal 4D US u t-tabib sab li kien hemm ftuq fid-dijaframma. L-ostetriku qalli li probabbli jkolli korriment spontanju, iżda sakemm jiġri hekk ma setgħu jagħmlu xejn. Sadanittant, US ieħor wera li Anya kellha qalbha maqluba u aktar tard iż-żaqq tgħaffġet fil-ftuq.
It-tliet xhur ta’ wara għaddejthom qisni fiċ-ċpar. Żaqqi dejjem tikber u n-nies jifirħuli u jawgurawli. Kont naħdem f’showroom u niltaqa’ man-nies ta’ kuljum u dejjem kienu jsaqsuni kemm kelli tqala u jekk hux se jkolli tifel jew tifla. Nies li ma nafhomx kienu jwaqqfuni fit-triq, imissuli żaqqi u jsaqsu mistoqsijiet stupidu bħal kemm baqagħli biex neħles! U jien inġorr is-sigriet enormi li t-tarbija tiegħi kienet se tmut hekk kif titwieled, jekk mhux qabel.
Ġejt imċaħħda mill-għażla li nwaqqaf it-tqala. Sfurzawni ngħaddi minn trawma akbar, kemm fiżika kif ukoll psikoloġika, għaliex xi rġiel fil-poter għamlu din l-għażla għalija, li qatt ma jista’ jkun hemm terminazzjoni tat-tqala. Huma x’inhuma ċ-ċirkostanzi. Lanqas jekk iċ-ċans li t-tarbija tgħix barra mill-ġuf ikun żero. Sfurzawni nkun qabar fuq żewġ saqajn.
Wara ħlas permezz ta’ ċesarja, Anya għixet, fuq il-magni, għal 50 minuta. Kellhom jgħaddu 4 snin biex nirkupra mentalment u nipprova jkolli tarbija oħra, iżda t-trawma għadha hemm għalkemm illum għandi wild b’saħħtu ta’ 7 snin. Billi ż-żewġ ħlasijiet saru permezz ta’ ċesarja, qatt ma jista’ jkolli tarbija oħra, għalkemm dejjem xtaqt li jkolli tnejn. Dan il-qsim ta’ qalb huwa reali. Irrid ngħix b’din it-traġedja kull jum li jgħaddi. Qatt ma tgħaddi għall-aħjar, iżda tinbidel fi dwejjaq u rabja.
Wara li taqra dan, nixtieq li kieku tista’ taffaċċjani ħa nara jekk jirnexxilekx tibqa’ biered u tibqa’ tgħid “Le.” Imbagħad għidli li jien egoista u bla qalb għax irrid li l-abort ikun legali f’Malta. U lil dawk li jgħidu li każijiet bħal tiegħi huma rari ħafna, naf fiċ-ċert li kazijiet bħal tiegħi MHUX dokumentati u jiġru ta’ spiss. Jien għixtu u tkellimt ma’ nisa oħra bħali. Aħna kommunità mistura għax nies bħalek ma jridux jisimgħu l-vuċi tagħna.”
Comments