top of page
Writer's pictureBreak the Taboo Malta

Storja 16 - 19.04.2019 ~ bil-Malti




“Nibda billi ngħid li jien mara ta’ 30 sena b’karriera professjonali mal-Gvern. Kelli 3 relazzjonijiet fit-tul u stabbli f’ħajti u dan ġara matul l-ewwel relazzjoni li qatt kelli. Kelli 18-il sena u kont ili f’din ir-relazzjoni responsabbli għal mill-inqas 3 snin. Kif tistgħu tobsru, kien l-ewwel partner sesswali li qatt kelli. Mhux għax għandu x’jaqsam, imma kien raġel edukat u kien qed jagħmel Masters.


Jien mhux persuna żbukkata li kont nitkellem dwar is-sess mal-ħbieb, u ftakru li dan kien fl-2008 – it-tiftix online għal tagħrif dwar ir-relazzjonijiet sesswali kien inqas komuni milli hu llum. Fir-relazzjoni, normalment konna nużaw il-kondoms, iżda kultant il-partner kien ikun irid jibda mingħajr protezzjoni u jilbsu aktar tard. Xi drabi kien jispiċċa qabel ma jilħaq jilbsu imma dejjem kien iserraħli rasi li kien spiċċa barra u ‘l bogħod minni. Ftakru li kont ili naf lil din il-persuna għal aktar minn 3 snin u, forsi kont xi ftit fidila, imma kont nafda li mhux se jissogra ġismi u ħajti. Kont l-università f’nofs kors BA. Biex l-affarijiet ikunu aktar ikkomplikati, il-period tiegħi ma tantx kien regolari u allura kien normali li jittardja kultant.


Niftakar li ma tantx kont imħassba meta ttardja l-period – għalija kien normali, u ħassejt li kont safe. Ma jistax ikun li jiġrili dan. Għamilt test tat-tqala għax insista hu u sibt li kont tqila. Ma kelliex idea kemm kont ili, iżda aktarx xi ftit ġimgħat. Urejtu t-test u bid-dmugh f’għajnejja staqsejtu kif seta’ ġara dan. Qal li kien hemm okkażjonijiet fejn ħa sogru u ma rnexxilux joħroq fil-ħin. Qatt ma kien qalli qabel. Dawn il-kliem weġġgħuni aktar minn kull ħaġa oħra li kelli ngħaddi minnha minn hemm ‘il quddiem. Kif jista’ persuna li kont ili nafda għal tant żmien jissogra f’xi ħaġa daqstant importanti, u bil-futur tiegħi?


Ma tantx deher imħasseb bis-sitwazzjoni u ċempel lit-tabib tal-familja mill-ewwel. Niftakar kien il-Ħadd u ltqajna miegħu fit-triq, fil-karrozza tiegħu. Għalkemm ridt nagħmel l-abort daqs kemm ried hu, ma niftakarx li qatt staqsieni x’ridt nagħmel. It-tabib talbu joħroġ mill-karrozza u staqsieni x’ridt nagħmel jien. Assigurani li dak li niddeċiedu jkun OK basta jkun li rrid jien. Għalija, f’dak il-mument partikolari, kien qisu hemm parasita li ser tikber u tkissirli ħajti, u l-aktar persuna li kont nafda poġġiha hemm. It-tabib qal li la kont għalaqt it-18, stajt immur nagħmel il-proċedura barra minn Malta u jieħu ħsieb kollox hu. Kellna nilitqu lejn Sqallija wara xi ġimgħa jew ħmistax. Ma nafx x’kien jiġri kieku kont għadni ta’ 17...


Il-fatt li kelli nagħmel il-proċedura barra minn Malta kien ifisser li kelli nistenna aktar ġimgħat biex nagħmilha, li ma kellix visti mediċi qabel u li l-proċedura u l-għażliet li kelli ma ġewx spjegati lili. Kelli mmur Sqallija għal ġurnata u niġi lura filgħaxija. Ftakru wkoll li kieku domt aktar kien ikun ta’ detriment għall-istudji billi dan ġara f’April. Kienet l-ewwel darba li sifirt. Qatt ma kont fluwenti fit-Taljan u l-fatt li kont fi klinika fejn kulħadd beda jkellem lili b’Ingliż imfarrak jew direttament lill-boyfriend bit-Taljan, li kien jafu sew, kien ta’ dwejjaq u biżgħa għalija, biex ma ngħidx agħar. Ma kelli l-ebda idea x’ser jiġri u kif se ssir il-proċedura u bqajt ma nafx anki wara li saret. Niftakar li domt nistenna ħafna aktar mill-ħin li ħadet il-proċedura u niftakarni nqum b’uġiegħ qawwi bħal tal-period. Tawna ċans ftit minuti, imbagħad tlaqna.


Ma jiddispjaċini xejn li għamilt il-proċedura. L-aktar li jiddispjaċini hu li fdajt fil-persuna żbaljata u li ma kontx infurmata biżżejjed dwar ġismi u xi stajt nagħmel biex nevita dan kollu. Għalkemm huwa ħafna aktar faċli biex ir-raġel ikun responsabbli f’ċirkostanzi bħal dawn, il-piż ta’ spiss jaqa’ fuq il-mara għaliex hi dik li tbati l-konsegwenzi. Nixtieq nara l-kontroll tat-twelid diskuss b’mod aktar miftuħ, aktar aċċessebbli u aktar faċli biex jinxtara. Meta tixtri l-pilloli kontraċettivi minn spiżerija, qisek qed titlobhom id-drogi u meta tixtri pakket kondoms ituhulek minn taħt il-bank. Ngħir għall-ispiżeriji ta’ barra minn Malta fejn tista’ żżur is-sezzjoni tal-ippjanar tal-familja u tara l-għażliet li jkollok u tistaqsi għall-għajnuna. Huwa ta’ swied il-qalb li f’Malta s-sess għadu xogħol ix-xitan u mhux parti normali minn relazzjoni b’saħħitha.”

473 views

Recent Posts

See All

Comments


bottom of page