top of page
  • Writer's pictureBreak the Taboo Malta

Storja 12 – 08.03.2019 ~ bil-Malti

Din l-istorja tindirizza lil ginekologu li kien qal li n-nisa jagħmlu rapport ta’ stupru għall-iskop ta’ insurance.





“Wara n-nuqqas ta’ sensittività ta’ dak l-ostetriku nixtieq naqsam l-esperjenza tiegħi dwar l-abort b’mod anonimu. Użawhom kif jidhrilkom.

Jien tlift il-verġinità minħabba stupru. Kelli sbatax-il sena u suppost mort biex ngħin lill-“għarus” jistudja. Ħsibt li ommu kienet se tkun id-dar. Meta wasalt u ndunajt li konna se nkunu weħidna, stħajt ninsiti li nitlaq, arar kollox, dan kien xi ħadd li suppost stajt nafda, mhux hekk? U hekk kien li l-istudju inbidel f’karezzi, bews u tgħanniq. Dan ma dejjaqnix, għalkemm bdejt ninkwieta li tista’ tidħol ommu. Il-passjoni malajr għelbitu u minkejja li ppruvajt nimbuttah bil-qawwa, niżżilli l-qalziet u ppenetrani bil-forza. Weġġajt ħafna iżda ma stajtx noħroġ minn taħtu għax kien tqil u b’saħħtu wisq u barra minn hekk ħassejt li kien ħaqqni dan il-“kastig” talli ma waqqaftux qabel. Wara li ġara dak li ġara, aktar beda jinkwieta dwar il-fatt li seta’ jinqabad minħabba t-tbajja’ tad-demm milli mill-fatt li ma stajt inwaqqaf id-demm b’xejn.

Ma ridtx nammetti li l-ewwel darba li għamilt is-sess kienet tant kerha, allura bqajt miegħu għal ftit xhur. L-aggressività tiegħu kienet tiżdied kull darba li kont ngħidlu li ma kellix aptit is-sess jew li kont qed inweġġa’. Kien ikun verbalment abużiv billi jirridikolani, jipprova jimbarazzani u jhedded li jgħid lill-ġenituri tiegħi, li kienu protettivi żżejjed. Minħabba dan, batejt għal żmien twil mill-vaginismus. Billi ma ridtx noħroġ tqila, kont nara li niekol inqas milli suppost u nagħmel aktar eżerċizzju milli suppost biex ma novulax – jew hekk kont naħseb.

Darba, it-test tat-tqala tagħni riżultat pożittiv – kienet tixtrihuli l-kuġina u kont nagħmlu kull erba’ ġimgħat. Mort indur bir-rota, bit-tama li l-iskossi jwasslu għal korriment u bdejt nixrob ħafna spirti u nieħu l-panadol magħhom. Dak kien żmien ta’ qabel l-internet u ma stajtx insib it-tagħrif li kelli bżonn. Sempliċiment għamilt dak li ħsibt li seta’ jneħħi ċ-ċelloli minn ġismi qabel ma jsiru tarbija. Kont naħseb li ma stajtx immur nara ginekologu mingħajr il-ġenituri billi kont taħt l-età. Wara ftit ħassejt bugħawwieġ tal-biża u kelli menstruwazzjoni kbira aktar min-normal – jew għallinqas hekk għidt lil ommi. Ċempilt lil ħabiba li ħaditni sal-Poliklina tal-Furjana. Tat id-dettalji tagħha biex jaħsbu li kelli 18.

Qatt ma tkellimt ma’ ħadd f’termini ta’ stupru... kont nibża wisq li jiġi għalija kieku għamilt rapport, u bżajt ukoll mir-riperkussjonijiet id-dar. Ħsibt li jgħiduli li mxejt ta’ stupida, li kont ħajjartu, li aktar iħammiġli ismi, li nsir xi ħaġa taż-żuffjett... kelli 17 u kont kwieta, mistħija u brainwashed li verġinità kienet xi ħaġa ta’ min jgħożżha. Ridt sempliċiment nibda mill-ġdid.

Wara dan, rabbejt il-kuraġġ biex nitliqu mingħajr ma għidtlu dwar il-korriment (kien abort?). Dan għamiltu f’post pubbliku biex ma jkunx jista’ jweġġgħani fiżikament. Tant beda jgħajjarni li wieħed li kien għaddej ħass li kellu jindaħal u jgħidlu li biex iżomm id-dinjità kellu jitlaq u ma jagħmilx xenati. Grazzi ta’ dan, sinjur li ma nafx min int. Grazzi talli wara dort fuqi u għidtli li għamilt sew li tlaqtu bniedem bħal dak. Kelli bżonn nismagħha u kelli bżonn inkun naf li jeżistu rġiel diċenti. Naħseb sirt inħobbok xi ftit minħabba dan (għalkemm qatt ma erġajt rajtek b’għajnejja) u kont inħares lejk bħala l-istandard li kelli naspira għalih.

Għal ħafna xhur, bqajt nirċievi telefonati mill-ex b’ħafna apoloġiji u biki biex naħfirlu. Kont noħroġ ftit li xejn biex nevitah. Wara li għaddew xi snin, ħass il-ħtieġa li jikkuntattjani biex jgħidli li jiddispjaċih minn kif ġab ruħu miegħi u li kien jittama li naħfirlu b’xi mod. Qal li kien ħassu taħt pressjoni mill-ħbieb biex juri li huwa raġel u biex jitlef il-verġinità. Din l-apoloġija għenet xi ftit. Anki kieku ma saritx, xorta waħda ma naħsibx li nirrapporta l-każ. Illum jidher li huwa raġel tal-familja rispettabbli. Il-proċess kollu biex tinkiseb il-ġustizzja jidher li huwa mxaqleb wisq u probabbilment ikun trawmatiku żżejjed biex ikun vallapena issa. Sempliċiment nittama li tgħallem jittratta n-nisa aħjar.

Tgħallimt kemm hu faċli li ssir vittma, kif il-biża’ hija tossika, il-periklu ta’ ġenituri li jkollhom intenzjonijiet tajbin iżda jkunu protettivi żżejjed, kemm huma importanti t-tagħrif u l-għażliet, kemm hu importanti li jkollok ħbieb nisa li jieħdu ħsiebek u aktar. Nipprova nkun kostruttiva dwar l-istorja kollha iżda l-verità hi li għarrqitli l-mod kif inħares lejn is-sesswalità għal ħafna snin u kien jeħtieġ ħafna għajnuna, paċenżja u empatija mill-partners li ġew wara biex irkuprajt. Jien ma nidher fl-ebda reġistru tal-ebda tabib/a bħala każ ta’ strupru jew abort. It-tabù għal dak iwassal, għażiż tabib b’intenzjonijiet tajba iżda xi ftit injorant.”

89 views

Recent Posts

See All
bottom of page