“Kelli 18 – kważi 19. Sifirt biex inżur xi ħbieb u, kif jiġri meta ssiefer waħdek għall-ewwel darba fuq vaganza, konna nqattgħu ħafna żmien fil-pubs, il-bars u l-clubs.
Lejla waħda rqadna għand ħabiba oħra li kienet tgħix aktar viċin ta’ fejn konna mmorru nixorbu. Ma niftakarx x’ġara dak il-lejl. Nassumi biss li wieħed mill-irġiel ma tax kas tal-fatt li ma stajtx nagħti l-kunsens tiegħi billi kont fis-sakra.
Meta ġejt lura mill-vaganza skoprejt li kont qila. Kelli 18, ma kontx naħdem u kont għadni ngħix mal-ġenituri. Tkellimt ma ħabib tiegħi fil-Greċja u għidtlu fiex kont ninsab. Huwa offra li jgħini.
Qabel iddeċidejt, irnexxili nikkuntattja lir-raġel li kien responsabbli għal dak li ġara u għidtlu li kont qed nikkunsidra abort. Huwa qalli li kien jippreferi li kieku l-ex tiegħu kienet għamlet l-istess. Wara sirt naf li kellu tfal oħrajn mal-ex, li kien alkoħoliku u li miet minħabba x-xorb.
Billi kont naf li kont nitkeċċa mid-dar tal-familja u li ma stajt nistenna l-ebda għinuna mill-‘missier’, aċċettajt l-għinuna tal-ħabib Grieg.
Mort il-Greċja u hu rranġa appuntament mat-tabib. Ma kelli l-ebda idea x’kienu qed jgħidu bejniethom billi ma kontx naf il-lingwa. Xi jumejn wara, il-ħabib ħadni l-isptar. Għamilt proċedura kirurġika taħt il-loppju. Meta qomt ħassejt vojt kbir ġo fija. Kien hemm xi ħaġa nieqsa u qasmilti qalbi. Ma stajtx nieqaf nibki. Il-ħabib ġie jarani u ġabli ċ-ċikkulatini u l-fjuri. Domt mhux ħażin sakemm erġajt lura lejn xi tip ta’ normalità.
Dan ġara xi 15-il sena ilu u issa għandi tifla. Il-missier bioloġiku mhux involut (għażla tiegħu) iżda din id-darba kont finazjarjament stabbli, kelli post tiegħi fejn noqgħod u kont naf li kont kapaċi noffri ħajja xierqa lil binti. Il-partner ilu nvolut f’ħajjitna minn qabel ma twieldet it-tifla (l-ewwel bħala ħbieb, u wara bħala partner) u ma jistax ikun aħjar bħala ġenitur għat-tifla.
Għalkemm jien ovvjament favur l-għażla (pro-choice) ma nixtieqx li dak li għaddejt minnu jien jiġri lill-agħar għadu tiegħi. Dik is-sensazzjoni ta’ vojt ma tħallik qatt. Għadni sa llum naħseb jekk kienx ikun tifel jew tifla, x’karattru kien ikollha/u u kif kienet tkun ir-relazzjoni mat-tifla. Ma jiddispjaċinix minn dak li għamilt. Permezz ta’ hekk stajt nipprovdi lit-tifla b’ħajja xierqa. Kieku ċ-ċirkostanzi kienu differenti ma kontx nagħmel l-abort. Kien dak li kien.”
Comments