top of page
Writer's pictureBreak the Taboo Malta

Storja 6 – 01.11.2018 ~ bil-Malti




“Kont qed nippjana li nemigra l-Kanada mal-għarus. Mort l-ewwel għax kelli ċ-ċittadinanza Kanadiża, bil-ħsieb li nissetilja, naqbad naħdem u napplika bħala sponsor biex jiġi hu. Kif wasalt dħalt naħdem f’uffiċċju legali u bdejt immexxi l-karti.


Meta wasalt, ta’ 29, indunajt li kont tqila. Kelli suspet li kien qed jaqlibhieli u joħroġ ma’ ħabiba tagħna. Affaċċjajtu b’dan u hu ammetta. Kont hawn...id-dar...fuq art Kanadiża u ma kelli l-ebda ħsieb li niġi lura Malta, anke meta ommi offriet li trabbi t-tarbija.


L-ewwel mort ċentru tal-‘għajnuna’ li nzerta kien ‘pro-life’!! U emmnuni, jagħmlu minn kollox biex iġegħluk tħossok ħatja. Tlaqt, xorta bil-ħsieb li nagħmel abort. Kont waħdi, f’pajjiżi u ridt li ħajti tkompli. Mort il-klinika Morgentaler, wara li fittixthom u sibt li kienu minn tal-ewwel li joffru l-abort u sofrew attakki bil-bombi diversi drabi minħabba s-servizzi li joffru. Ħassejt li dan kien il-post għalija. Kont iffortunata għax, billi jien ċittadina Kanadiża, l-ewwel abort ikun b’xejn. Min-naħa l-oħra, kont lesta li nħallas.


Il-counsellors kienu tal-ġenn; staqsewni ħafna mistoqsijiet biex ikunu ċerti li ma kellix dubji dwar dak li ridt nagħmel. Ma kontx illuppjata għal kollox – ingħatajt kalmanti. Allura meta kont fis-siġġu, ippanikjajt xi ftit. Ridt nara l-proċedura, iżda n-nurses, tal-affari tagħhom ħafna, ikkalmawni. Kif ħaduna fir-recovery bdew iqassmu l-juice u l-crackers. Kien hemm ħames nisa oħrajn miegħi. Tkellimna u konna ta’ wens għal xulxin. L-etajiet kienu jvarjaw minn 16 sa 45. Wara siegħa fir-recovery, bagħtuna d-dar.


Kont imnikkta? Iva... Bkejt? Iva... Kont muġugħa? Iva. JIDDISPJAĊINI TA’ DAK LI GĦAMILT?... LE! Għaddew 13-il sena. Nistqarr xi ħaġa li nemmen: aħna erwieħ. Il-ġisem uman huwa sempliċiment kontenitur. L-erwieħ jiġu fid-dinja u jitilqu kif jogħġobhom. Nagħżlu li nkunu hawn u niddeċiedu meta nitilqu. L-anġlu żgħir tiegħi ġiet lura għand omm li riedet tagħtiha ħajja tajba. P.S. Nemmen bis-sħiħ li hija n-neputija tiegħi.”

18 views

Recent Posts

See All

Comments


bottom of page