top of page
  • Writer's pictureBreak the Taboo Malta

Storja 46 - 24.01.2021 ~ bil-Malti

Din hija l-5 storja ta' abort waqt il-pandemija tal-COVID-19.




“Hekk kif skoprejt li nqbadt tqila ħassejt taħlita t’emozzjonijiet. Qabadni paniku kbir għax kelli 43 sena, u ħassejt li ma kienitx l-età addattata biex ikolli tarbija. Sa dak iż-żmien, diġà kelli tliet tqaliet, tnejn minnhom kienu korrimenti – wieħed ta’ 13–il ġimgħa u l-ieħor ta’ 7 ġimgħat. Mit-tqala li rnexxiet kelli tifel b’saħħtu, imma t-tqala kienet trawmatika. Kull xahar kien jinqala’ xi ħaġa. L-agħar fażi tat-tqala kienet meta fid-29 ġimgħa qaluli li ħajti kienet fil-periklu. Ibni twielet b’ċesarja ta’ 35 ġimgħa sabiex inkun nista’ nibda t-trattament. Fortunatament twieled b’saħħtu. Għamilt sena sħiħa nieħu t-trattament.


Meta sirt naf li erġajt ħriġt tqila, bdew jiġuni lura f’moħħi l-memorji koroh ta’ dak li għaddejt minnu qabel. Ma ridtx nerġa’ ngħaddi mill-istess esperjenzi. Mort għand il-gynae u tlabtu l-għajnuna biex inwaqqaf it-tqala, imma kull ma ssuġġerixxa kien li nieħu l-pirmli tal-ansjetà u ma naħsibx aktar fuq dak li kien qed jinkwetani. Qalli biex ma ngħidx dan id-diskors fl-uffiċju tiegħu u li ma kienx ser jgħinni jew jagħtini informazzjoni dwar fejn nista’ nfittex l-għajnuna. Bdejt infittex online u grazzi għad-Doctors for Choice sibt l-informazzjoni kollha li kelli bżonn. Ta’ 6 ġimgħat, l-ultrasound ma sabx qalb tħabbat u kelli xi ftit ċapep tad-demm. Ġimgħa wara instemgħet il-qalb tħabbat imma sabu ħafna difetti li kienu jfissru li jew kien ħa jkolli korriment ieħor jew inkella li t-tarbija kienet ser titwieled b’ħafna anomaliji.


Ma ridtx nitfa’ piż fuq ibni. Wara ħafna diskussjoni, żewġi u jien iddeċidejna li nwaqqfu t-tqala. Ordnajt il-pirmli mingħand Women on Web u ħallast €100 donazzjoni. Kont qed nibża’ li ma jaslux fil-ħin, imma waslu wara ġimgħa. Kollox mar skond l-istruzzjonijiet li bagħtuli fl-email. Żewġi kien miegħi l-ħin kollu.


Ma nħoss l-ebda mistħija talli għamilt dak li għamilt għal saħti u biex inkun nista’ nieħu ħsieb lil ibni. Inħoss li pajjiżi abbandunani u ma ħax ħsiebi bħala mara u bħala ċittadina. Nirringrazzja lil dawk il-voluntiera li jaħdmu ma għaqdiet li jgħinu lin-nisa biex jagħtu informazzjoni u għajnuna lil kull min ikollu bżonn. Kull mara jkollha r-raġunijiet tagħha personali u l-ebda mara m’għandha tiġi ġġudikata. L-għajnuna għandha tingħata f’pajjiżna stess. Ħadd m’għandu jkollu għalfejn isiefer għall-għajnuna.”


- Tania

1,031 views

Recent Posts

See All
bottom of page