top of page
Writer's pictureBreak the Taboo Malta

Storja 3 - 31.10.2018 ~ bil-Malti




“Meta kelli tnejn u erbgħin sena, mort għall-vista regolari tal-gynae u saqsieni, “X’qed tuża bħala kontraċettiv?” Weġibtu, “Bħalissa, kważi xejn.” Kont ilni mas-sieħeb għal tmin snin u konna mdorrijin ma nużaw xejn. Iżda l-gynae kien insista li issa li għalaqt it-tnejn u erbgħin sena, kelli noqgħod attenta ladarba kont konvinta li ma rridx tfal. Ipperswadieni biex nagħmel il-Mirena. Iddiskutejtha mas-sieħeb, u wara li għamilna ftit riċerka fuq l-effetti li tista’ tħalli, flimkien iddeċidejna favur li nagħmluha. Ma ridtx nispiċċa tqila ta’ tnejn u erbgħin sena. Kollox mar sew, u kont kuntenta bil-Mirena – ma kellix effetti negattivi biha.


Il-kumplament tal-ġrajja mhix daqshekk ċara. Minix ċerta fuq id-dati eżatt, però wara ftit xhur niftakar li bdejt inħossni ma niflaħx u kelli bħal qisu ħruq ta’ stonku. Bdejt inħossni minfuħa u l-ħin kollu bil-ġuħ. Issuspettajt fit-tqala. Minħabba li diġà kelli tfal kbar, naf sew x’ikunu s-sintomi. Imma bqajt ngħid, “Kif jista’ jkun?” Iċċekjajt fuq l-internet u sibt li jista’ jkun tinqabad tqila, avolja jkollok il-Mirena, u li għandek dejjem toqgħod attenta għax huwa komuni li jkollok ectopic pregnancy.


Bdejt ninkwieta. Xtrajt test tat-tqala, u mistagħġba skoprejt li, iva, kont tqila. Ma stajtx nemmen, għalhekk għamilt appuntament urġenti mal-gynae. B’xorti tajba, irnexxili nagħmel appuntament mill-ewwel. L-ultrasound immarka li kelli għaxar ġimgħat tqala. Kien xokk kbir. Kont ilni tmin snin ma nuża kontraċettivi, u mbagħad inqbadt tqila malli ħsibt li kont protetta. Ta’ tnejn u erbgħin sena! Kont għamilt mammogram, ħadt l-antibiotics, u kont bqajt nieħu l-alkohol, għax ma kellix l-iċken biża’ li ninqabad tqila. Kelli l-Mirena; suppost kont protetta kważi mija fil-mija.


Iddeċidejna li mmorru il-klinika Marie Stopes. Is-sieħeb tiegħi għeni ħafna u mnalla kien hu. Qalli li ser ikun miegħi, nagħżel x’nagħżel. Hu jħobbhom ħafna t-tfal u kien lest li jagħti s-sehem tiegħu jekk niddeċiedi li jkolna t-tarbija, iżda jien ma ridtx nitlef il-ħajja li kelli. Ma stajtx nieħu riskju li jkolli tarbija ta’ tnejn u erbgħin sena. Ma ridtx iktar tfal, u kien għalhekk li kont għamilt il-Mirena. Morna Londra, fil-klinika Marie Stopes. Ma ħassejtx uġiegħ, ma ġara xejn ta’ barra minn hawn, u qatt ma ddispjaċieni. In-nies li hemm f’din il-klinika huma mdorrijin jilqgħu nisa minn Malta, u nfatti jagħtu servizz ‘speċjali’ lin-nisa Maltin u dawk Irlandiżi.”

183 views

Recent Posts

See All

Comments


bottom of page