top of page

Storja 13 – 09.03.2019 ~ bil-Malti

  • Writer: Break the Taboo Malta
    Break the Taboo Malta
  • Mar 9, 2019
  • 2 min read



“Jien trabbejt f’familja reliġjuża ħafna, kont immur skola tal-knisja u kont nemmen it-twemmin Kattoliku b’mod qawwi. Kollox kien iswed jew abjad, xejn griż. Tajjeb jew ħażin.

Meta kelli sittax-il sena, ġejt stuprata minn xi ħadd li kien jaf li kont verġni u ħassha bħala sfida. Ma kelli l-ebda tip ta’ ħarsien kontraċettiv, għax billi kelli sittax u kont verġni, ma ħassejtx il-bżonn.

Mexa warajja sad-dar biex ikun ċert li ma mmurx l-isptar jew nirrapporta lill-pulizija. L-għada ppruvajt immur l-għassa tal-pulizija iżda kif mort naqsam it-triq, rajtu hemm.

Heddidni li jekk ma mmurx miegħu dak il-ħin, jagħmel agħar (bil-mentalità inġenwa li kelli u x-xokk li kelli fuqi, fhimt li kien ser joqtolni). Dakinhar poġġieli sikkina ma’ griżmejja u reġa’ stuprani.

Dan ġara waqt li kont qed nagħmel l-O Levels

Spiċċajt noħroġ mid-dar biss biex immur għall-eżami. Ommi kienet issuqni u tiġi għalija. Ħadd ma jien jaf x’kien qed jiġri.

Ftit wara li spiċċajt l-eżamijiet, indunajt li kont tqila. Ix-xokk li ħassejt huwa xi ħaġa li għadni niftakar. Id-dinja kienet spiċċat għalija. Kont tqila b’tarbija minn stupru li kien ifisser it-tmiem tal-pjanijiet kollha li kelli għall-edukazzjoni.

Kienu għadu ħadd ma jaf. U rajt li jibqa’ hekk.

Ippruvajt kull ħrafa li teżisti biex inkorri, iżda xejn ma ried jaħdem. Kull jum li kien jgħaddi, kont nimxi sa post magħruf għas-suwiċidji, u anki għamilt deadline: li jekk ma nkorrix sa erba’ xhur, naqbeż minn xi mkien u nieħu ħajti b’idejja.

U kien għadu ħadd ma jaf x’kien qed jiġri.

Jum wieħed filgħodu ħassejt uġiegħ qawwi f’żaqqi. Ma kontx naf x’kien qed jiġri sakemm mort sat-toilet u korrejt dak il-ħin stess, fit-toilet. Ma kien xejn ħlief ċappa... ifflaxxjajt u tlaqt ‘il barra.

Is-sens ta’ serħan li ħassejt ma kienx jitwemmen. Irrealizzajt li kont ksibt ħajti mill-ġdid.

Ma mortx għat-testijiet postnatal, ma ftaħt qalbi ma’ ħadd, iżda kont ferħana mill-ġdid. Ma bqajtx naħseb dwar is-suwiċidju.

Il-MAP ma kinitx tinstab Malta u ma stajtx noħodha u, billi kont għadni studenta, ma kellix flus biex insiefer. Kieku stajt, żgur li hekk kont nagħmel.

It-trawma tal-istupru hija diġa’ trawma kbira – li fuqha jkollok it-trawma li jkollok tarbija minħabba fiha ma kienx supportabbli.

Illum naf li ssugrajt ħajti meta ma mortx għaċ-checkups – imma dak iż-żmien ma kontx qed nirraġuna sew.

Kelli bżonn sentejn ta’ terapija biex nissupera t-trawma tal-istupru, imma l-fatt li ħlist mit-tqala kien ta’ serħan... Qatt ma ddispjaċieni jew kelli xi sens ta’ ħtija dwar dan.


L-abort għandu jiġi legalizzat. Iva, għandu jkun regolat b’mod qawwi imma għandu jkun għażla għal min jixtiequ. Jekk ma taqbilx miegħu sempliċi – tagħmlux. Iżda m’għandekx timponi l-ideat tiegħek fuq ħaddieħor meta ma tistax timmaġina min xiex ikunu għaddejjin.”

 
 
 

Comments


Break the Taboo Malta is an initiative to address abortion stigma in Malta by sharing personal abortion stories and related experiences.

  • facebook
  • Twitter
bottom of page